Missjoni

L-Aġenzija

Il-missjoni tal-EMSA hija li taqdi l-interessi marittimi tal-UE għal settur marittimu sikur, sigur, ekoloġiku u kompetittiv u taġixxi bħala punt ta’ referenza affidabbli u rispettat fis-settur marittimu fl-Ewropa u fid-dinja kollha.

L-EMSA tikkapitalizza fuq l-għarfien uniku tagħha biex tippożizzjona ruħha bħala attur essenzjali fil-cluster marittimu fl-Ewropa u lil hinn.

L-EMSA taħdem fuq kwistjonijiet u kompiti dwar is-sikurezza u s-sigurtà marittima, il-klima, l-ambjent u s-suq uniku, l-ewwel bħala fornitur ta’ servizzi għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni, iżda wkoll bħala sieħeb innovattiv u affidabbli u ċentru ta’ għarfien għall-cluster marittimu Ewropew u potenzjalment lil hinn bħala punt ta’ referenza internazzjonalment.

Id-Direttriċi Eżekuttiva

Filwaqt li tirrapporta għand il-Bord Amministrattiv, id-Direttriċi Eżekuttiva hija responsabbli mill-istabbiliment, it-tmexxija u l-iżvilupp tal-Aġenzija skont ir-regolament ta’ twaqqif tal-EMSA.

L-Uffiċċju Eżekuttiv

Appoġġ lid-Direttriċi fl-oqsma kollha taħt ir-responsabbiltà tagħha. Dan jinkludi l-għajnuna fil-governanza tajba bl-appoġġ tal-maniġment, il-promozzjoni tal-konformità, it-trasparenza u l-kultura tas-servizz ċivili. Fil-qasam tal-ippjanar u l-monitoraġġ, l-Unità hija responsabbli mill-iżvilupp tad-dokumenti istituzzjonali ewlenin tal-ippjanar u r-rappurtar (SPD u CAAR), issegwi ċ-ċiklu finanzjarju sħiħ, mill-kontribut inizjali għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tiegħu. L-Uffiċċju Eżekuttiv jipprovdi segretarjat lill-Bord Amministrattiv tal-EMSA u jinkludi l-kompiti kollha relatati mal-konformità u mal-awditjar tal-EMSA (IAS, QEA, QKI, eċċ.) inkluż il-ġestjoni tar-riskju. Żewġ oqsma oħra taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju Eżekuttiv huma l-iżvilupp kontinwu ta’ Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kwalità u l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà (b’rappurtar dirett lill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija). Il-komunikazzjoni hija wkoll parti mill-Unità kemm f’termini ta’ prodotti tradizzjonali kif ukoll diġitali/tal-midja soċjali. Ir-relazzjonijiet internazzjonali u interistituzzjonali għall-ħidma mal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet, fi ħdan l-UE u lil hinn minnha huma wkoll fil-portafoll tal-Uffiċċju Eżekuttiv. Dan jinvolvi l-ippjanar u t-teħid ta’ inizjattivi, il-koordinazzjoni tal-pożizzjoni tal-EMSA kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u żjarat.

DIPARTIMENT 1: Sostenibbiltà u Assistenza Teknika

Id-Dipartiment 1 huwa responsabbli mill-kompiti relatati mas-sostenibbiltà, b’fokus fuq il-kontribut għall-aġenda ekoloġika Ewropea għat-trasport marittimu billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipproteġi l-ambjent marittimu, tiġġestixxi t-tibdil fil-klima u tirreaġixxi għall-isfidi ambjentali ġodda. Huwa responsabbli minn firxa wiesgħa ta’ attivitajiet għall-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti u r-rispons għat-tniġġis minn bastimenti u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore.

Dan jappoġġja wkoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE permezz tal-programm tiegħu ta’ żjarat u spezzjonijiet u għal kwistjonijiet relatati mal-Element Uman u l-Istandards tal-Baħħara.

Id-Dipartiment jinkludi wkoll l-Akkademja tal-EMSA u joffri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità b’appoġġ għall-partijiet interressatitagħha, inkluża teknoloġija tal-ogħla livell. Jiġġestixxi wkoll proġetti għal assistenza lil Stati li japplikaw għal dħul fl-Unjoni, il-Pajjiżi tal-Viċinat Ewropew li jikkondividu l-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju, kif ukoll Stati mhux membri tal-UE li jagħmlu parti mill-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port.

Unità 1.1 - Sostenibbiltà

L-Unità 1.1 hija responsabbli mill-kompiti relatati mas-Sostenibbiltà u tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni b’assistenza teknika dwar kwistjonijiet relatati mal-impatt tat-trasport marittimu fuq l-ambjent kif ukoll assistenza għat-tħejjija u r-rispons għat-tniġġis minn bastimenti u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore.

B’mod partikolari, l-Unità tappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u internazzjonali dwar il-klima u l-ambjent, u tiżviluppa gwida prattika u għodod għall-implimentazzjoni tagħha, filwaqt li tiżgura l-parteċipazzjoni ta’ cluster marittimu Ewropew usa’ f’dan il-proċess.

L-Unità tiżviluppa u żżomm sett ta’ tagħmir ta’ rispons effettiv biex iżżid il-kapaċità tal-Istati Membri biex jirreaġixxu għat-tniġġis minn bastimenti u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, filwaqt li toqgħod attenta biex tappoġġja lill-Istati Membri anke fir-rigward ta’ inċidenti li jinvolvu l-HNS u theddid emerġenti ieħor għall-ambjent tal-baħar.

Biex tilħaq dawn l-objettivi, l-Unità żżomm relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib mal-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u fi ħdan id-diversi Ftehim Reġjonali għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, fejn rilevanti.

Unità 1.2 – Żjarat u Spezzjonijiet, Element Uman

L-Unità hija responsabbli miż-żjarat fl-Istati Membri, b’fokus fuq l-implimentazzjoni operazzjonali tar-Regolamenti u d-Direttivi marittimi tal-UE. Dan il-kompitu jitwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-unitajiet specjalisti fl-EMSA li għandhom responsabbiltà speċifika għall-istrumenti leġiżlattivi rilevanti. Din twettaq ukoll spezzjonijiet ta’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni li jispezzjonaw u jiċċertifikaw bastimenti kummerċjali internazzjonali u li qed jaġixxu bħala organizzazzjonijiet rikonoxxuti f’isem l-Istati Membri. Dawn l-ispezzjonijiet jitwettqu mad-dinja kollha u r-riżultati tagħhom jikkontribwixxu għall-valutazzjonijiet regolari tal-Kummissjoni Ewropea ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, kif meħtieġ mid-dritt tal-UE.

Fil-qasam tal-Istandards għall-Baħħara, l-Unità hija responsabbli wkoll mill-ispezzjonijiet f’pajjiżi terzi li jħarrġu u jiċċertifikaw lill-baħħara eliġibbli biex jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri tal-UE. Hija involuta wkoll f’analiżi ta’ statistika u analiżi tad-data ospitata mill-STCW-IS tal-EMSA, is-sistema ta’ informazzjoni li taħżen informazzjoni dwar iċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet tar-rikonoxximent tagħhom. L-Unità tipprovdi wkoll assistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-OMI, l-ILO u kwistjonijiet relatati mal-element uman, u bis-saħħa tal-esperjenza miksuba fir-rigward tal-Konvenzjoni STCW, tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni MLC u strumenti rilevanti oħra tal-ILO, u tappoġġa inizjattivi li jippromwovu r-“responsabbiltà soċjali” fit-trasport marittimu u jimmotivaw liż-żgħażagħ lejn professjonijiet tat-tbaħħir.

Fit-twettiq tal-attività tagħha taż-Żjarat u l-Ispezzjonijiet, l-Unità timplimenta sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità ċċertifikata kif xieraq f’termini tal-iStandard ISO 9001: 2015.

Unità 1.3 – Bini tal-Kapaċità

L-Unità 1.3 hija responsabbli mill-attivitajiet b’appoġġ għall-Iżvilupp Professjonali u t-Taħriġ tal-persunal mill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu r-responsabbiltajiet tal-Istat tal-Bandiera, tal-Port u dak Kostali.

Hija tinkludi l-Akkademja tal-EMSA u tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri,  pajjiżi li applikaw biex jidhlu fl-UE u lill-pajjiżi ġirien. Hija responsabbli wkoll mill-ksib tal-għarfien mid-data u l-informazzjoni miġbura fl-Aġenzija permezz ta’ l-Analitika.

L-Unità hija responsabbli mit-tfassil, l-iżvilupp, l-aġġornament u t-twettiq ta’ programmi ta’ taħriġ strutturati u modulari għall-benefiċċju ta’ uffiċjali mill-Istati Membri, Aġenziji oħra tal-UE, pajjiżi tal-PEV u tal-IPA. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat għall-ġestjoni tal-għodod, l-iżvilupp u l-aġġornament kontinwu tal-kurrikuli u s-sillabi rilevanti, l-iżvilupp u t-twassil tal-e-learning u l-korsijiet online, l-iżvilupp ta’ spezzjonijiet simulati tal-bastimenti bl-użu tar-realtà virtwali, u l-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-individwi li jsegwu metodoloġiji miftiehma. L-Unità tipprovdi wkoll assistenza teknika għal qabel, matul u wara l-fażi tal-awditjar għall-audits tal-IMSAS.

Hija tiġġestixxi l-proġetti li jkollhom bħala benefiċjarji l-pajjiżi tal-PEV fil-Baħar Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju fl-oqsma li jaqgħu taħt il-mandat tal-Aġenzija.

Fl-aħħar nett, l-Unità hija responsabbli minn analiżi orizzontali u rapporti dwar l-implimentazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni marittima, il-produzzjoni ta’ statistika regolari u ad hoc, bl-użu ta’ data disponibbli minn sistemi u applikazzjonijiet interni biex tappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, l-iżvilupp ta’ prospettivi ġenerali annwali f’kooperazzjoni mal-unitajiet tekniċi rilevanti, l-iżvilupp tal-Prospettiva Ġenerali Dinamika tal-Awtoritajiet Nazzjonali, il-koordinament tal-parteċipazzjoni tal-EMSA u s-segwitu ta’ Proġetti ta’ Riċerka rilevanti, f’kooperazzjoni mal-Unitajiet tekniċi, u mal-Kummissjoni Ewropea u Aġenziji oħra.

Dipartiment 2: Sikurezza, Sigurtà u Sorveljanza

Il-missjoni tad-Dipartiment 2 hija li jipprovdi assistenza teknika u appoġġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mas-sikurezza u s-sigurtà tal-bastimenti (Unità 2.1), u li jipprovdi servizzi ta’ sorveljanza marittima (Unità 2.2) lill-firxa kbira ta’ utenti tal-EMSA.

Fuq livell orizzontali, id-Dipartiment 2 huwa responsabbli wkoll mill-ġestjoni tal-fażi tranżitorja tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) billi jiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati tas-CISE biex jiżviluppaw u jespandu n-network tas-CISE biex isir operattiv sa tmiem l-2021. Id-Dipartiment 2 huwa responsabbli wkoll mit-twettiq tal-kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Huwa jsegwi mill-qrib ħafna l-proċedimenti tal-Kumitati u s-Sottokumitati tal-OMI u jipprovdi u jkkoordina fejn meħtieġ kwalunkwe appoġġ tekniku meħtieġ fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sikurezza, is-sigurtà, u l-komunikazzjonijiet bejn il-bastimenti u l-art permezz tas-satelliti.

Unità 2.1 – Sikurezza u Sigurtà

L-Unità 2.1 hija responsabbli biex tipprovdi assistenza teknika dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sikurezza tal-bastimenti, it-tagħmir tal-baħar, il-bastimenti awtonomi, is-sigurtà marittima, l-investigazzjoni tal-inċidenti, il-postijiet ta’ rifuġju, l-implimentazzjoni tal-Istat tal-bandiera, u l-kontroll mill-Istat tal-port. Din tospita wkoll l-Unità ta’ Ġestjoni tal-EQUASIS.

L-Unità 2.1 hija responsabbli mill-assistenza teknika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għal diversi suġġetti ta’ sikurezza inkluż l-istabbiltà tal-bastimenti tal-passiġġieri, in-nirien fuq bastimenti tal-passiġġieri ro-ro, bastimenti awtonomi, it-tagħbija/ħatt ta’ bastimenti tal-merkanzija, is-sikurezza u l-ġestjoni tas-sikurezza tal-bastimenti tal-kontejners u tas-sajd.

Fir-rigward tat-tagħmir tal-baħar, l-Unità 2.1 hija responsabbli mill-ġestjoni tad-database tat-tagħmir iċċertifikat tal-UE u l-aġġornament annwali tal-istandards rilevanti taċ-ċertifikazzjoni tal-baħar fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Hija wkoll tappoġġa l-ħidma tal-grupp ta’ korpi notifikati għall-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istandards billi tipprovdi s-segretarjat tekniku, tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritàjiet li jissorveljaw is-swieq u tappoġġja lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku (MRA) mal-Istati Uniti.

Fir-rigward tas-sigurtà marittima, l-Unità hija responsabbli biex tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rekwiżiti tas-sigurtà marittima skont ir-Regolament (KE) 725/2004, dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet. Hija tipprovdi wkoll appoġġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati maċ-sigurtà informatika u kwistjonijiet ta’ sigurtà marittima in ġenerali.

Fir-rigward tal-investigazzjoni tal-inċidenti, l-Unità hija responsabbli mill-assistenza teknika għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/18/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu. Hija tipprovdi wkoll is-Segretarjat għall-Qafas ta’ Kooperazzjoni Permanenti (PCF) tal-Korpi ta’ Investigazzjoni tal-Inċidenti . Hija responsabbli wkoll mill-ġestjoni tal-EMCIP, il-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar, għodda biex taħżen u tanalizza d-data dwar id-diżgrazzji u r-rapporti ta’ investigazzjoni pprovduti mill-Istati Membri. Abbażi tad-data dwar id-diżgrazzji, hija tipprovdi analiżi tas-sikurezza u statistika relatata mad-diżgrazzji marittimi.

L-Unità 2.1 hija responsabbli mill-assistenza teknika fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE kif emendata (Kontroll mill-Istat tal-Port). Din tinkludi l-parteċipazzjoni fil-korpi kollha tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port. Hija responsabbli wkoll mill-assistenza teknika fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2110 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-tħaddim sikur ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri u għall-implimentazzjoni tal-Istat tal-bandiera.

Hija tospita wkoll l-Unità ta’ Ġestjoni tal-Equasis fejn tiżgura l-funzjonament ta’ kuljum tagħha u tipprovdi assistenza teknika dwar kwistjonijiet relatati mal-postijiet ta’ rifuġju.

Unità 2.2 - Sorveljanza

Il-missjoni tal-Unità 2.2 hija li tipprovdi servizzi ta’ sorveljanza marittima biex ittejjeb l-istampa tal-informazzjoni marittima tal-Aġenzija billi timplimenta soluzzjonijiet li jqiegħdu fiċ-ċentru l-ħtiġijiet operazzjonali tal-utenti. Dan jinkiseb permezz tal-ġestjoni tas-sourcing u l-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-fluss ta’ informazzjoni dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja mis-satelliti, permezz tal-forniment ta’ informazzjoni dwar is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika tal-bastimenti bis-satellita (SAT-AIS), u bit-trażmissjoni ta’ informazzjoni bbażata fuq Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Pilotati mill-Bogħod (RPAS). Dan jinvolvi kemm l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ sorveljanza regolari bbażati fuq talbiet magħmula mill-awtoritajiet marittimi u Aġenziji oħra tal-Gwardja tal-Kosta kif ukoll l-appoġġ li huwa pprovdut permezz tal-pjan ta’ kontinġenza tal-EMSA b’rispons għal emerġenzi marittimi.

L-Unità 2.2 hija responsabbli mis-sourcing ġenerali u l-forniment ta’ kuljum tal-portafoll estensiv ta’ data ta’ osservazzjoni tad-dinja bis-satellita, prodotti b’valur miżjud u servizzi ta’ allerta, kif derivati minn Radar b’Apertura Sintetika u satelliti ottiċi, b’appoġġ għar-rekwiżiti operattivi ta’ komunitajiet multipli ta’ utenti marittimi.

Dawn huma l-komponenti ewlenin ta’ tliet servizzi distinti: i) CleanSeaNet, is-Servizz Ewropew ta’ Rilevament u Monitoraġġ tat-Tixrid taż-Żejt; ii) Sorveljanza Marittima Copernicus, kif iddelegata mill-Kummissjoni lill-Aġenzija u iii) servizzi satellitari abbażi ta’ immaġni pprovduti lill-Frontex għas-sorveljanza tal-kontroll tal-fruntieri marittimi.

Fir-rigward tal-RPAS u s-Servizzi ta’ Komunikazzjoni bis-Satellita, l-Unità 2.2 hija responsabbli mill-istabbiliment tal-operazzjonijiet tal-RPAS u s-sourcing ġenerali u l-forniment ta’ kuljum ta’ informazzjoni bbażata fuq l-RPAS u l-komunikazzjoni bis-satellita, bħal messaġġi tal-AIS, filmati diretti, rilevament mir-radar, sinjali għall-għajnuna u kejl tal-emissjonijiet, biex tappoġġja r-rekwiżiti operazzjonali ta’ diversi komunitajiet ta’ utenti marittimi, inklużi Aġenziji oħra tal-UE fil-qafas tal-kooperazzjoni mal-gwardji tal-kosta. Din l-informazzjoni tikkumplimenta l-istampa ġenerali tal-informazzjoni marittima inkluż is-servizz ta’ rilevament u monitoraġġ tat-tixrid taż-żejt (CleanSeaNet), is-sorveljanza tal-emissjonijiet li joriġinaw mill-bastimenti (detezzjoni tal-SOx) kif ukoll id-detezzjoni tal-bastimenti permezz tas-satellita għas-sorveljanza marittima. Barra minn hekk, bl-installazzjoni tal-RPAS abbord bastimenti tal-EMSA u ta’ Aġenziji tal-UE/awtoritajiet tal-Istati Membri oħra, dan is-servizz ikompli jappoġġja r-rispons għat-tniġġis u attivitajiet oħra tal-Gwardja tal-Kosta fuq il-baħar.

Dipartiment 3: Servizzi Diġitali

L-EMSA għandha tħaffef l-isforzi fl-integrazzjoni ta’ approċċ diġitali ġdid, bil-ħsieb li tiffaċilita l-effiċjenza, l-affidabbiltà u l-prevedibbiltà tal-operazzjonijiet marittimi. L-indirizzar ta’ din l-isfida jirrikjedi titjib fl-użu ta’ teknoloġiji diġitali biex jiġu pprovduti opportunitajiet li jipproduċu valur li jiffaċilitaw aktar l-iskambji u l-kondiviżjoni tad-data marittima bejn il-partijiet kollha. Id-Dipartiment 3 huwa responsabbli minn: iċ-ċiklu tal-ħajja tal-konsenja tal-applikazzjoni; il-koordinament mal-unitajiet tekniċi; l-ispeċifikazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tekniċi; il-koordinament ta’ kumpaniji kuntratturi; u l-operazzjonijiet ta’ servizz. Id-Dipartiment huwa responsabbli wkoll mis-servizzi korporattivi li jipprovdu appoġġ ta’ kwalità għolja u f’waqtu lin-attivita’ operazzjonali ewlenija tal-EMSA.

Unità 3.1 – Servizzi Integrati tat-Traffiku Marittimu

L-Unità tiżgura l-iżvilupp, l-operat u t-titjib kontinwu tas-Servizzi Marittimi Diġitali kollha tal-Aġenzija. Filwaqt li tappoġġja l-ilħuq tal-objettivi tal-EMSA, l-Unità taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-unitajiet tekniċi kollha, filwaqt li tittrasforma l-ħtiġijiet tagħhom f’sistemi u servizzi tekniċi, twettaq ċiklu operattiv sħiħ tal-ICT, inkluż titjib u żviluppi kontinwi.

L-Unità taġixxi bħala pjattaforma għas-servizzi marittimi kondiviżi mal-Istati Membri biex tissupplimenta u ssaħħaħ il-kapaċità nazzjonali għall-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti, il-kontroll mill-Istat tal-port, u t-tħejjija u r-rispons għat-tniġġis marittimu. L-attivitajiet tal-Unità jinkludu wkoll l-integrazzjoni u l-kombinament ta’ tipi differenti ta’ data, il-bini ta’ stampa marittima u l-produzzjoni ta’ servizzi personalizzati mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-utenti, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, infrastrutturi simili u nfiq mhux meħtieġ.

Barra minn hekk, l-Unità tikkoordina l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-ICT ibbażata fuq teknoloġija cloud bil-għan li tiżgura li l-aħjar soluzzjoni u l-aħħar applikazzjonijiet tal-ICT ikunu disponibbli biex jappoġġaw il-ħtiġijiet tal-utenti. Flimkien mal-użu ta’ għodod analitiċi tal-Big Data u l-algoritmi ta’ Intelliġenza Artifiċjali, soluzzjonijiet ibbażati fuq il-cloud għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità tal-EMSA li tipprovdi servizzi ta’ valur miżjud ġodda għal diversi kuntesti operazzjonali, bħal: il-kontroll tas-sajd, il-kontroll tal-fruntieri, is-sigurtà, is-sikurezza tat-traffiku marittimu, il-protezzjoni tal-kosta, u l-protezzjoni ambjentali. L-Unità qed tikkontribwixxi wkoll għall-attivitajiet tas-sigurtà informatika biex tiżgura l-ogħla livell ta’ sigurtà tal-ICT tal-EMSA u biex tikkondividi l-esperjenza u l-għarfien mal-Istati Membri u l-industrija.

Unità 3.2 –  Soluzzjonijiet Diġitali Marittimi

L-Unità hija responsabbli mill-ġestjoni taċ-ċentru tad-data (f’siti primarji u oħrajn intiżi ghall- kontinwità tan-negozju); mill-ospitar u l-Operazzjonijiet tal-IT għall-Applikazzjonijiet Marittimi kollha; mill-ġestjoni tas-Servizzi Korporattivi interni; mill-ġestjoni tad-desktop u s-servizz għall-utenti interni; min-networking u s-sigurtà.

L-Unità tappoġġa l-iżvilupp, l-ittestjar, ll-ikkummissjonar u l-operazzjonijiet tal-infrastruttura tal-EMSA u s-servizzi korporattivi, bl-użu ta’ proċessi ta’ ġestjoni tal-ogħla livell tas-Servizz tal-IT, ibbażati fuq l-ITIL. Hija tappoġġja l-objettivi operattivi li jiżguraw id-disponibbiltà, il-prestazzjoni u l-affidabbiltà tas-servizz minn tarf sa’ tarf billi tħaddem tal-aħjar prattiċi, il-monitoraġġ, il-kontinwità fl-attivitajiet, u l-proċessi ta’ rkupru minn diżastri.

L-Unità hija inkarigata wkoll bl-amministrar u l-installar kollu tal-middlewear u d-databases, il-konfigurazzjoni, l-integrazzjoni u l-proviżżjoni ta’ komponenti tal-applikazzjonjieti f’ambjenti pre-production u production tal-Infrastruttura tal-ICT tal-EMSA (inkluża l-Faċilità tal-Kontinwità tal-Attivita’ (BCF)).

L-Unità hija responsabbli wkoll mill-MSS li jipprovdi servizz operazzjonali u tekniku 24/7 li jiżgura d-disponibbiltà u l-istabbiltà tas-sistemi billi jimmonitorja l-kontinwità tal-flussi tad-data li deħlin u ħerġin, rappurtar ta’ kwalità u l-ġestjoni tal-inċidenti marbuta mal-applikazzjonijiet marittimi kollha tal-Aġenzija. Fil-każ ta’ emerġenzi marittimi, l-MSS jaġixxi bħala punt uniku ta’ kuntatt għall-mobilizzazzjoni tas-servizzi operazzjonali tal-EMSA, u jirrapporta lill-EMSA u lill-Kummissjoni dwar l-inċidenti marittimi skont il-pjan ta’ kontinġenza tal-EMSA.

Barra minn hekk, l-Unità hija responsabbli mill-validazzjoni teknika u operattiva u l-verifika tal-applikazzjonijiet; il-ġestjoni tal-bini tal-applikazzjonijiet; l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet u; it-tħejjija ta’ sistemi ta’ monitoraġġ tal-applikazzjonijiet.

Unità 3.3 – Servizzi Diġitali Orizzontali

L-Unità tikkoopera mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE biex timplimenta l-inizjattivi tal-UE għall-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti fl-oqsma koperti mid-Direttiva 2002/59/KE (kif emendata), b’mod partikolari billi tikkoopera mal-Istati Membri biex topera SafeSeaNet, iċ-Ċentru tad-Data Kooperattiva tal-Unjoni Ewropea għall-Identifikazzjoni u t-Traċċar mill-Bogħod (EU LRIT CDC) u l-Iskambju Internazzjonali tad-Data tal-LRIT (LRIT International Data Exchange) (LRIT IDE). Barra minn hekk, tingħata assistenza lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri fuq kwistjonijiet relatati mal-LRIT fi ħdan l-OMI.

L-Unità hija responsabbli wkoll biex tappoġġja l-implimentazzjoni teknika tad-Direttiva dwar il-Formalitajiet ta’ Rappurtar u t-titjib tas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (EMSWe) skont ir-Regolament (UE) 2019/1239. Tingħata wkoll assistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ servizzi relatati maċ-ċertifikati elettroniċi u tiffaċilita r-rappurtar tal-vapuri.

Barra minn hekk, l-Unità ġġestixxi l-ftehim ewlenin ta’ kooperazzjoni mal-Istituzzjonijiet tal-UE billi tiġbor u tibdel ir-rekwiżiti tan-negozju tagħhom fi speċifikazzjonijiet funzjonali. Hemm firxa wiesgħa ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet differenti, inklużi l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), il-Forza Navali tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u ċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi - Narkotiċi (MAOC-N).

Dipartiment 4: Servizzi Korporattivi

Il-missjoni tad-Dipartiment 4 – Servizzi Korporattivi hi li jiġi mogħti appoġġ ta’ kwalità għolja u f’waqtu lill-attivita’ operazzjonali ewlenija tal-EMSA, u tingħata assistenza lill-maniġment u lill-persunal fl-oqsma tar-riżorsi umani, materji legali (inkluż l-aċċess għad-dokumenti) u finanzjarji u servizzi korporattivi oħra bħal: l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar is-sede, il-faċilitajiet u l-loġistika, il-ġestjoni tar-rekords, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u missjonijiet tal-EMSA.

L-assistenza lid-Dipartimenti u lill-Uffiċċju Eżekuttiv hija pprovduta wkoll fir-rigward tat-tħejjija, it-tnedija u s-segwitu tal-proċeduri kollha tal-akkwist, it-tnedija finanzjarju tat-tranżazzjonijiet, il-ġestjoni tal-kuntratti finanzjarji u l-ġestjoni tal-assi.

Unità 4.1 - Riżorsi Umani u Appoġġ Intern

L-Unità hija primarjament responsabbli mill-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal (SR) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Aġenti Oħra (CEOS) kif ukoll mill-iżvilupp, it-tqegħid fil-prattika u l-għoti ta’ appoġġ relatat mal-politika tal-persunal fl-oqsma tar-reklutaġġ, l-amministrazzjoni tal-persunal, l-iżvilupp tal-karriera, ir-remunerazzjoni, il-benesseri tal-persunal, it-tagħlim u l-iżvilupp u l-organizzazzjoni tal-missjonijiet u r-rimborżi.

Barra minn hekk, l-Unità hija responsabbli mill-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-drittijiet u l-obbligi skont il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (Ftehim dwar is-Sede) għall-Aġenzija u l-persunal tagħha.

L-Unità hija responsabbli wkoll mill-implimentazzjoni fl-Aġenzija kollha tal-politika ta’ ġestjoni tar-rekords u l-proċeduri, l-arkivjar, il-ġestjoni tal-posta, servizzi ta’ printing u kkupjar kif ukoll ir-rimborż tal-avvenimenti tal-EMSA.

Unità 4.2 - Materji Legali, Finanzi u Faċilitajiet

L-Unità tipprovdi pariri lid-Direttur Eżekuttiv dwar kwistjonijiet legali, baġitarji u finanzjarji u tiżgura l-konformità tat-tranżazzjonijiet legali u finanzjarji mar-Regolament Finanzjarju tal-EMSA. F’dan il-qasam, hija tipprovdi b’mod partikolari pariri u verifika dwar proċeduri ta’ akkwist u impenji legali, kwistjonijiet finanzjarji u baġitarji. L-Unità twettaq verifika finanzjarja ex-ante tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha; tiżgura r-reġistrazzjoni tal-fatturi tal-Aġenzija u l-ġestjoni tal-arkivju tal-kuntratti u d-drittijiet kollha ta’ aċċess għas-suite ABAC. Fl-aħħarnett, għandha l-għan li tissimplifika l-proċeduri amministrattivi billi tipprovdi taħriġ fir-rigward tal-finanzi u l-akkwist, l-abbozzar u l-aġġornament tar-regoli, il-linji gwida, il-mudelli u l-proċeduri rilevanti u, bħala Unità teknika, li ttejjeb il-metodi tal-akkwist u finanzjarji tal-Aġenzija inkluż l-akkwist elettroniku (e-procurement). Hija tindirizza wkoll kwistjonijiet ta’ aċċess għal dokumenti.

L-Unità tipprovdi l-qafas għall-istabbiliment tal-politika ambjentali tal-Aġenzija u tikkoordina l-proġett li jimmira lejn ir-reġistrazzjoni tal-EMAS.

Fl-aħħarnett, l-Unità topera u tagħmel manutensjon tal-bini u l-infrastruttura tal-EMSA, tindirizza kwistjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà, tipprovdi appoġġ għall-avvenimenti tal-EMSA u tipprovdi bosta servizzi oħra ta’ appoġġ.